Skip to main content

Cheerful Givers

Missjoni ‘l Barra minn Xtutna

Il-missjoni Cheerful Givers hija inizjattiva ġdida li taqa’ taħt il-Fondazzjoni Kenosis, bl-għan li tappoġġja spiritwalment u finanzjarjament il-Knisja Kattolika f’żoni li qed jiżviluppaw. Il-missjoni tagħna hija ispirata mis-sejħa biex nagħtu b’ferħ, naqdu b’kompassjoni u b’tjieba.

L-isem Cheerful Givers jiġbor fih b’mod profond is-servizz li jmur lil hinn mill-obbligu. Jissuġġerixxi atteġġjament kontinwament ferrieħi ta’ kif għandna nħarsu lejn is-servizz ta’ ħutna. Is-sosten ta’ din il-perspettiva hija ankrata fil-fidi u fit-talb bla waqfien.

Kif qal il-Papa Benedittu XVI: “Mingħajr talb ta’ kuljum li ngħixu bil-fedeltà, l-għemil tagħna jsir vojt, jitlef ir-ruħ profond tiegħu, u jinbidel f’attiviżmu sempliċi” (Benedittu XVI, Katekeżi, 25 t’April 2012).

Is-Sejħa li ngħatu bil-ferħ

Dan il-prinċipju ma jittrattax biss dwar dak li ngħatu iżda li dan isir bi spirtu ta’ mħabba qawwija u ħlewwa, konformi mas-sejħa tal-Iskrittura biex “nagħtu bil-ferħ” (2 Korintin 9:7).

Fidi u Azzjoni

F’dan il-kuntest, l-att tas-servizz isir estensjoni tal-prattika spiritwali, fejn il-ġenerożità ma tkunx sempliċiment tranżazzjoni iżda esperjenza li tittrasforma kemm lil min jagħti kif ukoll lil min jirċievi.

Dan jaqbel ukoll mal-ħsieb tal-Papa Franġisku, li jenfasizza li t-talb isib it-tifsira vera tiegħu fil-karità awtentika, li tidher fil-mumenti meta niltaqgħu ma’ persuna mill-qrib. Mingħajr ma jitwettaq f’azzjonijiet konkreti, it-talb jonqos milli jilħaq l-iskop tiegħu, għax tassew, “il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha” (Ġakbu 2:17) (Papa Franġisku, 13 ta’ Ġunju 2024, Memorja ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova, il-Patrun tal-Fqar).

Barra minn hekk, billi tħares lejn is-servizz bħala wieħed konsistenti u ferrieħi, Cheerful Givers tenfasizza l-importanza tal-perseveranza fil-missjonijiet immexxija mill-fidi. Servizz ibbażat fuq il-ferħ għandu l-potenzjal li jispira sens ta’ komunità u għan komuni, li jfakkarna li l-vera ġenerożità hija mmexxija minn qalb li tingħata bil-ferħ.

Proġetti

Vann tal-Iskola

Inxtara minibus biex it-trasport tat-tfal lejn l-iskola jkun faċli, u b’hekk ma jkollhomx bżonn jimxu madwar 15-il kilometru kuljum f’klima diffiċli.

Ċentru ta’ Formazzjoni

Proġett ta’ kostruzzjoni għaddej fit-Tanżanija biex jiġi stabbilit Ċentru ġdid ta’ Formazzjoni Spiritwali.

Raħal tal-Lebbrużi

Qiegħed jinbena kumpless residenzjali għal 13-il familja ta’ lebbrużi fl-Etjopja.

Tank tal-Ilma

Tank Roto li kien intlaqat waqt kunflitt f’kumpless raħal fl-Etjopja ġie sostitwit.