Skip to main content

Knisja hija msejħa biex ikollha qalb kostanti fuq il-missjoni.

L-istorja wara 'Faith Formation'

Nisimgħu ħafna dwar il-ħajja mgħaġġla u impenjattiva li qed ngħixu fiha, tgħaġġel minn attivita’ għall-oħra. Anke uliedna nġibdu f’din l-istil ta’ ħajja. Kultant inqisu l-ħajja bħala “hop-on hop-off” minn post għall-ieħor, minn avventura għall-oħra.

Il-ħajja tal-familja qabel kienet iffurmata u mibnija fuq il-parroċċa lokali, daż-żmien għandna ħafna spazji minn fejn nagħżlu, li forsi jikkompetu mas-sejħa partikolari li wieħed jista’ jkollu biex jaqdi f’kuntest pastorali. Is-sejħa tagħna fi ħdan it-taqsima ta’ Faith Formation tal-Kenosis Foundation hija li nipprovdu għajnuna pastorali bil-formazzjoni kateketika tat-tfal, pre-adolexxenti u adolexxenti.

Minbarra l-katekiżmu, insibu wkoll ħin biex nissoċjalizzaw flimkien bl-għan li nsiru nafu lil xulxin fuq bażi informali li jippermettilna wkoll naqsmu l-Vanġelu fuq livell prattiku.

Il-Viżjoni Tagħna

Il-viżjoni tal-Knisja llum tisħaq li x-xandir tal-aħbar it-tajba jibda fl-ambjenti tax-xogħol u tal-għajxien l-oħra li ngħixu fihom. Il-Knisja hija msejħa biex ikollha qalb kostanti fuq il-missjoni u huwa għalhekk li kull Ministeru attiv irid ikun dirett lejn it-twettiq ta’ din il-viżjoni. Il-katekisti jfittxu li jżommu din il-viżjoni fuq quddiem nett u jwettquha b’mod tanġibbli.

Il-Missjoni Tagħna

Faith Formation tipprovdi laqgħat darba fil-ġimgħa u attivitajiet oħra matul is-sena. Is-sejħa tagħna hi li nakkumpanjaw lit-tfal u l-adolexxenti tul il-mixja tal-fidi tagħhom, li jiskopru lil Ġesu’ u nħeġġuhom iwieġbu għall-imħabba fidila tiegħu.

Nifhmu wkoll ir-responsabbilta’ li taħdem mal-minuri u għal din ir-raġuni, il-fondazzjoni toffri korsijiet ta’ salvagwardja minn ħarrieġa professjonali lil dawk kollha li jservu fi ħdan il-fondazzjoni Kenosis.

Nfittxu wkoll li nipprovdu ambjent fejn tfal u adoloxxenti minn oqsma differenti tal-ħajja jkunu jistgħu jitrawmu u jiġu sostnuti spiritwalment. L-approċċ pastorali jista’ jitqabbel ma’ art fertili, fejn Alla fil-providenza tiegħu jiżra’ ż-żerriegħa fil-qlub tal-poplu tiegħu skont ir-rieda tiegħu.

“Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja.” (Salm 127:1)

Dan il-vers mill-Bibbja jfakkar lil dawk kollha li jagħmlu parti minn dan il-Ministeru pastorali li l-proġett fl-aħħar mill-aħħar huwa ta’Alla u huwa għodda f’idejh. Is-sejħa tagħna hi li kontinwament infittxu u nirrikonoxxu li Alla diġa’ qiegħed jaħdem fil-ħajja tat-tfal u l-adoloxxenti, u li nagħrfu modi kif ngħinuhom jiskopruh aktar.

B’dan f’moħħna, it-talb u s-sagramenti jridu jkunu integrati fil-ħajja tal-helpers u l-katekisti. Huwa permezz ta’ din il-ħajja interjuri li huma kapaċi jisimgħu lil Alla u jkunu kapaċi jitolbu l-grazzja li jifhmu, jgħallmu u jappoġġjaw filwaqt li japprezzaw kull tifel u tifla u adolexxent bħala wild uniku ta’ Alla.