Skip to main content

Quddiesa ta Nofs il-Lejl, Milied 2025

Noah

Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Is-sliem ħbieb tiegħi! Erġajna ltqajna f’dan il-lejl qaddis!
Minjaf kemm tfal matul is-snin għamlu l-prietka tal-Milied. Tgħid illum li kibru u forsi xjaħu wkoll, għadhom iġorruh f’qalbhom dan l-ispirtu ta’ ferħ? Jew fuq kollox, għadhom ħbieb ta’ Ġesù?

Lilly

Fejn qed tmur b’moħħok illejla Noah?…Kemm ħsibijiet tqal! Imma vera, tgħid dawn ħbiebna sabu xi ħaġa aħjar fil-ħajja?

X’jista’ jkun aħjar milli issir il-ħabib ta’ Ġesù? Kull min emmen kliemu bis-serjetà u mexa fuq l-eżempji sbieħ tiegħu, mhux biss sab l-ikbar ferħ u inbidel hu, imma Ġesù stess użah biex iwassal l-imħabba u l-kelma tiegħu lill-oħrajn. Il-Kelma t’Alla hija l-Kelma tal-Ħajja u min isib lil Ġesù biss, isib il-ħajja vera!

Joy

Hekk hu tassew Lilly! L-aħħar darba dħalt nitlob fil-Kappella tas-Sagrament li hemm ħdejn iċ-ċentru tagħna. Hemmhekk, fuq il-bank, sibt Bibbja u meta ħadtha f’idi u ftaħtha, ġew quddiemi dawn il-preċiżi kelmiet:
“Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla.”
Tant ħabbna Ġesù, li Hu, li huwa l-Iben t’Alla, sar bniedem bħalna biex aħna  niltaqgħu ma’ Alla u nibqgħu dejjem miegħu!

Mhux hekk tgħallimna waqt id-duttrina? Hekk għallmuna il-ħbieb tagħna katekisti tal-Fondazzjoni Kenosis li jieħdu ħsiebna fiċ-ċentru. U bilħaqq Noah, inti taf xi tfisser din il-kelma Kenosis?

Noah

Ġesù Bambin li aħna qed nifirħu bih f’dan il-lejl ta’ seħer bla qjies, mhux biss twieled ġewwa għar bħall-aktar tifel fqir, imma wkoll ġie fostna biex għalkemm huwa Alla, jagħmilha ta’ qaddej! Hekk tfisser il-kelma Kenosis…Ġesù li huwa kollox, sar xejn għalina!

Joy, ara kif tiddeskriviha l-Bibbja: “hu (jiġifieri Ġesù), għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”

Lilly

U min jista’ jagħmel dan kollu għalina? Ħadd ħlief Ġesù!

Kif jgħallimna il-Papa Ljun il-Kbir, “it-twelid ta’ Kristu huwa t-twelid tal-paċi”. Minkejja li l-ħin kollu nisimgħu ħafna aħbarijiet koroh dwar gwerrer u ġlied, illum aħna nistgħu isibu l-paċi ġewwa qalbna, jekk fiha jgħammar Ġesù Bambin.

Joy

Illum ilkoll nifirhu għax tweldilna s-Salvatur li jeħlisna minn kull ħakma tad-dlamijiet: iva jeħlisna mill-ħakma tad-dlamijiet! Xejn tajjeb ma’ jirnexxielna nagħmlu jekk ma nagħrfux lilU u nistqarru quddiemu x-xejn u l-faqar tagħna.

Jekk inti tagħmel dan, inti tkun lest li tirċievi l-grazzja li ġiet imwegħda lilek fil-magħmudija, u tilħaq tassew il-milja tiegħek.

Noah

Għeżież ħbieb, il-kelma Kenosis tfakkarna f’Ġesù Bambin imqiegħed fil-maxtura, li daħal fid-dinja minħabba l-miżerja tagħna. Tfakkarna li Hu sar bniedem bħalna għax iħobbna b’imħabba bla qjies. U tinsewx ħbieb ligħalkemm il-Ġublew tat-Tama issa wasal biex jintemm, it-tama tagħna l-Insara, ma tintemm qatt!

Lilly

Dak li għamel Ġesù jurina l-umiltà li biha rridu ngħixu kuljum, kif għex Ġesù li kien “ta’ qalb ħelwa u umli”. Niftakru li biex niġu l-ewwel, ma nistgħux nagħżlu l-ewwel post imma rridu nkunu ta’ servizz għal dawk ta’ madwarna – ibda mill-familja u l-ħbieb tagħna. U biex inkunu verament ferħanin, irridu minn qalbna nagħtu ħajjtina għall-oħrajn.

Joy

Il-profeta Neħemija jgħidilna li “l-ferħ tal-Mulej, (huwa) il-qawwa tagħkom.”
Għeżież, ejjew nifirħu għax illum twieled is-Salvatur tagħna. Ejjew nifirħu għax f’qalbna u f’ħajjitna rridu lil Ġesù Bambin ikompli jikber. Ejjew niftħu beraħ il-bibien ta’ qlubna għalih!

X’aħbar kbira din: l-Iben t’Alla sar Bniedem u għamilna hutu, u l-imħabba ta’ bejnietna ġabritna flimkien tassew!