San Pawl jgħidha bla tlaqliq: jekk aħna ta’ Kristu għandna nkunu moħħna fil-ħwejjeġ tas-sema u mhux biss fuq dawk tad-dinja. Jekk inkunu onesti magħna nfusna, però, ikollna nammettu li spiss dan ma jirnexxilniex nagħmluh.

Fl-Omelija fuq it-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, Santu Wistin ifakkarna li, avolja tela’ s-sema, Ġesu jibqa’ qrib tagħna. Permezz tal-fidi, it-tama u l-imħabba aħna magħqudin miegħu u għandna sehem fil-ħajja tal-ġenna anke waqt li nkunu għadna nippruvaw insibu tarf tal-inkwiet ta’ din id-dinja.

Għandna aħbar tajba: Ġesù qiegħed magħna permezz tas-setgħa u l-imħabba divina tiegħu. Permezz tal-imħabba li għandna għalih aħna għandna rabta mas-Sema. Dan ifsser li, qabel ma nħobbu l-ħwejjeġ maħluqa, għandna nħobbu lilu fuq kollox; wara, iI-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jsibu posthom skont il-providenza tiegħu.

Mela s-sejħa ewlenija tagħna hija li nafdawh aktar bis-sħiħ, bħalma għallimna l-Profeta Ġeremija sekli ilu: “Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej, u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.”