Skip to main content

Knisja Tassew Ħajja

Fil-qalba ta’ Lahore, il-preżenza tal-Knisja tkompli tiddi fis-skiet f’nofs ir-ritmu tal-ħajja ta’ kuljum. Mit-toroq iffullati tal-belt sat-toroq mutraba tal-periferija, il-familji Nsara jinġabru fil-fidi, iżommu sħiħ mat-tama u l-komunità.

Iż-żjara pastorali hawn mhix biss mument ta’ barka, iżda tfakkira li l-fidi tibqa’ sħiħa, anke meta tkun taħt tensjoni. Ħafna jiffaċċjaw opportunitajiet limitati ta’ xogħol u nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja minħabba t-twemmin tagħhom, madankollu r-reżiljenza tagħhom tispikka permezz tal-impenn u s-servizz fidil tagħhom.

Il-Ħajja Nisranija ġewwa il-Pakistan

Nhar ta’ Ħadd, l-Insara jinġabru biex jiċċelebraw fidi li kuljum jagħżlu mill-ġdid. Iħallu warajhom ix-xogħol, il-faċendi u l-inkwiet, konxji li meta timxi wara Kristu tista’ tinftiehem ħażin, u jiffaċċjaw diskriminazzjoni u toqol ieħor fil-ħajja. F’kull ġest ta’ fidi, tiġġedded id-deċiżjoni tagħhom meħuda fis-skiet: li jappartjenu lil Kristu, lil xulxin, u lil Knisja li timxi magħhom f’nofs l-isfidi ta’ kuljum.

Hekk kif wieħed jimxi qalb il-viċinanzi, is-subborgi u l-kappelli tal-irħula, jara b’għajnejh kif is-sagramenti jifformaw ir-rabta ħajja li tgħaqqad lil dawn il-komunitajiet mal-Knisja Kattolika Universali. Dawn mhumiex biss ritwali; huma l-ħjut viżibbli li jinsġu l-fidi lokali fil-Ġisem globali ta’ Kristu.

Avolja l-iskop tagħna kien li nservu lilhom dawn iż-żjarat servew biex iġeddu lilna, u fakkru lil kulħadd li l-Knisja hija tassew ħajja, imsejsa fil-fidi, imsaħħa bl-imħabba, u soda fix-xhieda tagħha lejn Kristu.