Quddiesa ta Nofs il-Lejl, Milied 2024
It-tfal li ħadhu sehem kienu: Beppe Grioli, Maise Pace, Ella Grech u Shaze Abela.
Shaze
Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Bdiet is-sena, wasal l-Għid, u daħal is-sajf,
bdejna l-holidays kemm ghaddew malajr!
bdiet l-iskola, dħalna fl-Avvent, u qegħdin hawn.
Qisu kull sena tgħaddi bħal ferrovija.
Sena tgħaddi u oħra tiġi! Kollox qisu ripetizzjoni.
Mhux hekk jgħid Koħelet “kollox frugħa”?
Stenna ftit!
Veru li kollox jgħaddi, imma San Ġorġ Preca jgħid li “kollox jgħaddi u inti tgħaddi wkoll.” Xi ħadd ġie fid-dinja, u qalilna li ġie hawn, biex jeħodna miegħu!
Mhux kollox ripetizzjoni vojta!
Ħbieb, għal xi wħud, dan il-lejl tal-Milied, ukoll jiġi u jgħaddi u qisu ma ġara xejn!
Għalina miġburin hawn xi jfisser dan il-lejl?
Jiena Shaze, Maise, Ella u Beppe se ngħidulkom xi jfisser ghalina.
Maise
Shaze, Beppe, Ella u għeżież ħbieb li qegħdin f’din il-knisja mżejna tant sabiħ – isimgħu x’kien qal il-Papa Benedittu dwar dan il-lejl “Il-miġja ta’ Kristu, tkeċċi d-dlam tad-dinja, timla l-lejl qaddis b’dija ta’ dawl mis-smewwiet u xxerred id-dija tal-Missier fuq wiċċ il-bnedmin”.
Mela dan il-lejl, ma baqax lejl, għax idda fuq l-art kollha id-dawl tal-Mulej!
Imma din hija biss storja sabiħa li nieħdu gost nisimgħu kull sena?
Nieħdu gost nirċievu u nqassmu r-rigali u kollox jieqaf hemm?
Jew inkella, hija stedina biex inħallu lill-Mulej Ġesù jitwieled f’qalbna, biex ħajjitna tkun wisq aħjar?
U kif se ssir aħjar ħajjitna jekk nilqgħu fina lil Ġesù?
Beppe
Maise mela ma tafx li jien, int u aħna kollha, ġejna maħluqa xbieha ta’ Alla u allura biex naslu għall-kuntentizza vera, irridu ngħixu b’dan kollu f’qalbna u moħħna.
Dan nistgħu nagħmluh biss jekk inħarsu lejn Ġesù kull jum ta’ ħajjitna.
Kristu Ġesù, l-Iben t’Alla magħmul bniedem, huwa ix-xbieha perfetta tal-Missier.
Huwa veru Alla u veru bniedem.
Sar bniedem bħalna biex jurina it-triq lejn Alla, u biex aħna ngħixu għal dejjem fl-imħabba tiegħu.
Kemm hi sabiħa il-fidi tagħna hux Shaze, Ella u Maise?
Quddiem dan ir-rigal kbir, quddiem Ġesù, l-Iben t’Alla li ġie fostna biex iħobbna, kif se nwieġbu?
Jeħtieġ li nqumu min-ngħas! Dan il-lejl li fih ġie mkeċċi d-dlam jurina li fl-aħħar huwa d-dawl li rebaħ fuq il-dlam, u hija l-imħabba perfetta li tkeċċi il-biża.
Dan mhux qed nivvintah jien ħbieb, din hija il-Kelma ta’ Alla li jien qiegħed nikkwota!
Shaze
Waqt li kont qed nipprepara, tafu x’laqatni? Li Ġesù għażel li jiġi fid-dinja mhux bħala sultan jew ġeneral b’setgħa, imma bħala tarbija ċkejkna u dgħajfa, ħlejqa li tiddependi kompletament mill-oħrajn.
Anke l-ġenituri tiegħu, Ġużeppi u Marija, kienu nies foqra, ħielsa minn kull għana materjali. Id-dar tagħhom f’Nażaret u l-għar f’Betlehem ma kellhom xejn li jħajrek toqgħod fihom.
Ħajjet Ġesù hija lezzjoni wara l-oħra!
Imma jien, x’qed nitgħallem?
Qed ngħix ħajja sempliċi bħal tiegħu?
Din hija l-isfida – li nħallu l-eżempju ta’ Ġesù Bambin jispirana biex ngħixu aktar bil-qalb u b’umiltà.
Ella
Fuq l-għoljiet qrib il-grotta, xi rgħajja foqra kienu għassa man-nagħaġ tagħhom. Malli raw id-dawl u semgħu il-kant tal-anġli, qalu lil xulxin: “Ejja mmorru sa Betlehem biex naraw x’ġara!” Għaġġlu lejn il-grotta u hemm sabu lil Marija, Ġużeppi, u lit-tarbija Ġesù fil-maxtura. Kienu huma l-ewwel li raw il-Messija li tant kien mistenni.
Mhux li kien li d-dinja titgħallem xi ħaġa minn dan kollu.
Kieku nifhmu li fil-ħajja l-imħabba tagħmlek sinjur u mhux il-kburija jew il-ġid li jkollok, kemm jieqfu gwerer, kemm naraw nies jieħdu b’idejn xulxin, kemm familji jerġu isibu l-għaqda ta’ bejniethom u kemm issaltan il-paċi fl-art!
Din hija it-tama kbira tagħna ħbieb, li Hu jġibilna mill-ġdid il-paċi tiegħu!
Hekk kienu kantaw l-anġli x’ħin twieled il-Messija u hekk nitolbuh lil Ġesù illejla.
Agħtina din il-paċi li ġibt miegħek u li tant għandna bżonnha!
Beppe
Kellu raġun il-Papa San Pawlu VI jgħallimna li l-Milied huwa l-laqgħa l-kbira u storika bejn Alla u l-bniedem. Xi ġrajja kbira. Kif nistgħu ma nifirħux meta niftakru fiha?
Santu Wistin ifakkarna biex inqumu u niftħu għajnejna, għax kien minħabba fina, li Alla sar bniedem. Wistin mhux biss stedinna nqumu, imma biex ħeġġiġna biex inħallu l-ferħ tal-Mulej jidħol f’qalbna. Għalhekk, ejjew inkantaw u nifirħu, għax il-Mulej m’għadux ’l bogħod;
Hu jinsab magħna u fina, għal kull min jiftaħ qalbu għalih.
Together, they sang "Once in Royal David’s City."
F’lejl ta’ xitwa ġewwa Betlem
F’kesħa kbira, f’għar miftuħ
Daħlet Omm u wildet Iben
Qalb il-bhejjem li saħħnuh
Din l-Omm fqajra hi Marija
U Ġesù, dik it-tarbija.
Huwa ġie mis-sema fostna
Ħalla l-kobor, ħalla l-ġid
Għex fil-faqar, fit-tbatija
Ried jinħeba l-aqwa sid
Qalb il-foqra u l-imsejknin
Magħhom kien Ġesù Bambin.
Bħalna beka, bħalna feraħ
Waqt li għex fost il-bnedmin
Mat-triqat fejjaq u għallem
Il-ħabib tal-maħqurin
Ħajtu kollha fit-tiġrib
F’mewtu wkoll fuq is-salib.
“Paċi fl-Art lil Bnedmin ta’ Rieda Tajba” (Luqa 2:14).
F’isem il-Fondazzjoni Kenosis nagħti l-Milied it-Tajjeb u s-Sena l-Ġdida mimlija paċi u tama.