Skip to main content

Vjaġġ ta’ fiduċja

Għadni niftakar l-ewwel laqgħa li kelli mas-Sur Emanuel P. Delia, chairperson tal-APS Bank ta’ dak iż-żmien. Konna tkellimna fuq “l-idea”, jew jekk nista’ nirreferi għaliha b’mod aktar preċiż, “is-sejħa” biex naħdmu fi ħdan il-qasam pastorali taż-żgħażagħ. Din id-diskussjoni saret fl-2012 meta kont esprimejt ix-xewqa tiegħi li nagħmel xogħol barra minn Malta sabiex nikseb esperjenza fis-servizz taż-żgħażagħ b’approċċ Kristjan. L-APS Bank approva din l-idea u fil-fatt sponsorja l-ewwel vjaġġ tiegħi fl-Italja u fir-Renju Unit fejn għamilt żmien nitgħallem dwar is-servizz ta’ riabilitazzjoni u l-effett tiegħu fuq il-poplu. Ma kontx sorpriż meta ġejt biex ninduna li l-fidi Nisranija kienet perċepita b’rispett f’kultura sekulari bħal dik tar-Renju Unit.

Jekk inħarsu madwarna, nistgħu naraw li s-servizzi li toffri l-Knisja huma l-pedament taċ-ċivilizzazzjoni tagħna u jagħmlu differenza sinifikanti fil-ħajja ta’ ħafna familji. F’din il-laqgħa mas-Sur Delia staqsieni “Imma x’se jiġri wara?”. Qisu kien qed jitlobni r-return of investment. Fl-2015 nibtet l-opportunita’ li jibda servizz pastorali fil-Belt fil-forma ta’ ‘Teen Klabb’. Bdejna noperaw f’bini li kien fi stat allarmanti u kien hemm bżonn li jsir xogħol immedjat biex nassiguraw is-sigurta’ tal-post. Konna appellajna għal-fondi biex nirranġaw partijiet mis-saqaf u ż-żoni perikolużi.

Bini u Tagħmir

Dawn il-fondi ppermettewlna nibdew ix-xogħlijiet meħtieġa u għamluha possibbli li l-bini jiġi restawrat kompletament u mgħammar bl-essenzjali kollha ta’ ċentru taż-żgħażagħ pastorali modern. L-APS Bank appoġġja wkoll l-aħħar fażi, li ffaċilitat l-installazzjoni tal-air conditioners – utli ħafna għas-servizz pastorali tagħna f’Teen Klabb u l-Faith Formation hekk kif nibqgħu noffru s-servizzi tagħna anke fis-sajf.

Diversi studji kkonfermaw li hemm ħafna x ’wieħed jiggwadanja mill-investiment fiż-żgħażagħ tal-lum. Jekk inħarsu lejn l-istorja tagħna naraw li l-Knisja kienet hemm biex tagħti servizzi pastorali għall-formazzjoni taż-żgħażagħ sa mill-bidu nett u anke fuq approċċ kontinwu. Aħna impenjati li nintegraw il-fidi mal-lezzjonijiet li noffru u l-ħin li nesperjenzaw maż-żgħażagħ għax nafu li huwa Ġesu biss li jista’ jserraħ qalb kull individwu:

Int għamiltna għalik innifsek, u qalbna bla mistrieħ sakemm tistrieħ fik.

Santu Wistin

Norbtu dan il-kliem ta’ Santu Wistin mal-Papa Franġisku li jqis il-kwiet bħala li għandu tliet dimensjonijiet:

L-irrekwitezza tat-tiftix spiritwali, l-irrekwitezza tal-laqgħa ma ’Alla, u l-irrekwitezza tal-imħabba.

Il-Papa Franġisku

Fi kliem ieħor, din ir-rekwitezza insibuha f’ kull persuna, u kull wieħed minna jixxennaq għal Alla u x-xbieha tiegħU li tinġarr fil-essri tagħna; Alla, li bil-paċenzja kollha qed jistenna li jingħata spazju fil-ħajja ta’ kulħadd.

Kull servizz għandu d-diffikultajiet tiegħu u li nappoġġjaw liż-żgħażagħ permezz tas-servizz pastorali fiha l-isfidi finanzjarji tagħha stess. Filwaqt li nirringrazzjaw lil Alla għall-Providenza ġeneruża tiegħU, nirringrazzjaw ukoll lit-tim tal-bank APS għall-appoġġ tagħhom fil-kontribut għall-branding u s-sit elettroniku l-ġdid, il-lezzjonijiet tal-mużika, u t-taħriġ u l-iżvilupp tal-voluntiera tagħna.