Skip to main content

Tumsifu Yesu Kristo, Milele Amina. / Ikun imfaħħar Ġesù Kristu, għal dejjem Ammen. (Tislima Kattolika fit-Tanżanija)

Waħidhom, dawn il-kliem mhumiex biżżejjed biex jispjegaw verament it-tifsira tal-esperjenza tagħna ġewwa Dar es Salaam, fit-Tanżanija. Iżda minkejja dan, se nipprova naqsam ftit mix-xogħol missjunarju li wettaqna fi tlett ġimgħat fl-Afrika tal-Lvant fix-xhur ta’ Lulju u Awwissu ta’ din is-sena. Aħna konna grupp imħallat ta’ tmien missjunarji, membri differenti tal-Fondazzjoni Kenosis. Jiġifieri, kien hemm benefatturi, katekisti, leaders u helpers (voluntiera).

Kellna ħafna opportunitajiet biex nivjaġġaw minn belt għall-oħra, però l-bażi tagħna kienet fil-kunvent tas-sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, ġewwa Boko. Is-sena l-oħra, l-providenza divina laqqatna ma’ waħda mis-sorijiet tagħhom f’Għawdex. Minn dakinhar, ilna naħdmu magħhom fuq proġett tal-bini ta’ ċentru tal-formazzjoni, ma’ ġenb il-kunvent tagħhom f’Dar es Salaam stess. Wara diversi xhur niddiskutu l-proġett u nikordinaw il-fondi għalih, kien ta’ sodisfazzjon li narawh javvanza fil-progress tiegħu u jħalli l-frott tajjeb fil-ħajjiet taż-żgħażagħ li qed jagħmlu użu  minnu.

Hija barka sabiħa li naqsmu fidi wahda Kattolika

Hija barka sabiħa li naqsmu fidi wahda, Kristjana, Kattolika ma’ ħutna Tanżanijani. Aħna magħqudin permezz tal-istess Spirtu s-Santu, ngħixu u naħdmu għall-glorja tiegħU. Mungu ni mwema! / Alla hu tajjeb! Aħna qsamna l-maġġoranza tal-ikliet ta’ kuljum flimkien mas-sorijiet, u kif ukoll qsamna xi idejat tal-mod ta’ kif inservu fil-ministeri differenti tagħna fil-fondazzjoni.

Nibqa’ impressjonata bl-ammont ta’ imħabba ġenwina li rċevejna u kemm laqgħuna b’idhom miftuħa in-nies tat-Tanżanija. Il-ħin kollu konna nisimgħu l-kliem: Karibu / Merħba. Kull fejn żorna, madwar 30-il post differenti, inklużi knejjes, skejjel, kunventi, seminarju, sptar, djar, ‘boarding school’, orfanatrofji, u oħrajn, kulħadd laqana bil-ferħ permezz tal-kant. Kienet verament esperjenza profonda tal-imħabba t’Alla għalina, kull darba li konna milqugħa b’idejn miftuħa u vuċijiet qishom bħal tal-anġli.

Il-Knisja Kattolika fit-Tanzanija

Irrid insemmi wkoll il-Knisja li qed tiġi ippersegwitata fil-gzira ta’ Zanzibar. Hemmhekk, il-knisja Kristjana/Kattolika hija biss 1.2% tal-popolazzjoni. Il-mexxejja reliġjużi qed jiġu attakkati b’mod vjolenti u kif ukoll il-bini tal-knisja u d-djar. Iżda bil-għajnuna ta’ Alla, is-sorijiet Karmelitani Missjunarji jibqgħu preżenti biex iservu l-kommunità Kristjana. Minn aspett uman, jidher li huwa impossibli li persuna tkompli għaddejja filwaqt li tesperjenza bibien magħluqa u attakki, imma bil-qawwa t’Alla, il-qassisin, is-sorijiet u l-lajċi jkomplu jipperseveraw billi jipprattikaw il-fidi tagħna.

Avolja rajna persuni li kienu qed jesperjenzaw it-tbatija, xorta waħda innutajna li jafdaw kompletament f’Alla biex iġorrhom fit-taħbit tal-ħajja. Kristu huwa ċ-ċentru tal-ħajja tagħhom. Bħalma Santa Tereża ta’ Lisieux tgħidilna,

Irridu nabbandunaw il-futur tagħna f’idejn Alla.

Aħna innutajna wkoll li l-Kristjani fit-Tanżanija jagħtu ħafna importanza lis-sapport lejn il-kommunità li jgħixu fiha, li ħafna drabi issir permezz ta’ donazzjonijiet lill-Knisja biex tkompli l-missjoni tagħha ta’ evangelizazzjoni u sservi l-foqra. Huma jipparteċipaw fil-quddiesa bħala celebrazzjoni fil-veru sens tagħha, permezz tal-kant u ċapċip.

Waqt din is-sena tal-Ġublew tat-tama, kull persuna li ltwajna magħha ġabitilna t-tama permezz tax-xhieda tagħhom ta’ Alla. Filwaqt li aħna qsamna t-tama tagħna magħhom permezz taż-żjarat tagħna u l-kontribuzzjonijiet finanzajarji. Kif jinkuraġġixxi Ġakbu 1:22 “Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss.” Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tfakkarna li “Xejn m’huwa żgħir ħafna f’għajnejn Alla. Għadna nagħmlu kollox bl-imhabba.” B’hekk kulħadd jista’ japplika din it-tatika tal-gentilezza billi ngħixu permezz li nwettqu affarijiet żgħar b’imħabba kbira.

Asante sana, Tanzania! / Grazzi ħafna, Tanzania! Kif qal San Pawl l-Appostlu bhala missjunarju, f’Atti 18:21, “Nerġa nirritorna għandkom, jekk Alla jrid.”