Hekk kif il-Providenza t’Alla waslitna fit-Tanzanija, il-hemda fil-kunventi tas-Sorijiet Karmelitani ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux kienet tinħass b’mod tanġibli. Ġejna milqugħa minn Knisja Kattolika lokali rikka u ħajja, hekk kif bdejna esperjenza missjunarja oħra. Iż-żjajjar tal-familji f’Boko, Dar es Salaam, kif ukoll fil-parroċċa ta’ Ikumbilo, fir-reġjun ta’ Mbeya, tawna l-opportunità li naraw b’għajnejna t-tbatijiet ta’ kuljum u nisimgħu t-tamiet ta’ kull familja, u li noffru appoġġ kemm materjali kif ukoll spiritwali. Żorna wkoll il-komunità parrokkjali ta’ Mloka, fejn ħadna sehem fis-servizz tal-Ħadd u ltqajna mal-parruċċani biex niddiskutu l-bżonnijiet urġenti tal-komunità tagħhom. Din iż-żjara serviet bħala tkomplija għall-inizjattiva li bdejna s-sena l-oħra biex niffinanzjaw proġett tal-ilma għall-parroċċa. Kellna l-okkażjoni li nevalwaw il-progress li sar u nerġgħu nikkonfermaw l-impenn tagħna lejn din il-komunità, billi ngħinu finanzjarjament għall-bini tad-dar tal-kappillan, skola tat-tfal u ċint biex tħares il-parroċċa mill-annimali salvaġġi.
Parti ċentrali mill-missjoni kienet it-tmexxija ta’ programmi ta’ katekeżi għat-tfal, għaż-żgħażagħ u għall-għalliema, kemm fl-orfanatrofju ta’ Dogodogo u fl-iskejjel sekondarji Mapinga u Consolata. Esplorajna l-ħajja ta’ San Carlo Acutis flimkien mar-rabta bejn ix-xjenza, in-natura u l-fidi. Saru wkoll krafts bl-idejn, filwaqt li kull sessjoni kienet imsaħħa bid-daqq u l-kant u b’ħin ta’ talb, li għen biex il-messaġġ u l-ispirtu jasal fil-qlub. Il-laqgħa tagħna mal-grupp taż-żgħażagħ fil-parroċċa ta’ Ikumbilo kienet ukoll waħda tassew ta’ frott, peress li ħafna wrew interess fil-fondazzjoni u fil-kariżma tagħna. Kellna wkoll l-opportunità li nagħtu taħdidiet lill-katekisti lokali f’Ikumbilo u lil grupp ta’ żgħażagħ f’Boko, dwar il-ħajja tal-qaddis Malti San Ġorġ Preca, l-ispiritwalità tiegħu u kif kien strumentali biex il-lajk jitgħallem u jgħallem il-katekiżmu.
F’kull waħda mill-missjonijiet fejn servejna konna attenti għall-bżonnijiet ta’ kull komunità u tajna l-għajnuna finanzjarja meħtieġa, fosthom għajnuna lill-parruċċani u sapport lill-komunità tal-katekisti t’Ikumbilo, lill-grupp taż-żgħażagħ ta’ Boko u lill-komunitajiet tas-sorijiet Karmelitani li żorna. Filwaqt li qabel konna ffinanzjajna vann biex jinġarru t-tfal lejn l-orfanatrofju ta’ Dogodogo, issa impenjajna ruħna wkoll biex nappoġġaw il-bini ta’ knisja ġdida li tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet ta’ din il-komunità li dejjem qed tikber. Infaħħru lill-Mulej talli xerred il-grazzja tiegħu permezz tal-benefatturi tagħna, u hija ta’ ferħ kbir li naraw il-frott konkret tal-ġenerożità tagħhom.
Minbarra s-servizz, tul il-missjoni kollha, il-jiem tagħna kienu mibnija madwar ħinijiet ta’ talb flimkien: il-quddiesa ta’ kuljum, ir-Rużarju u, xi drabi, il-Liturġija tas-Sigħat mal-komunità Karmelitana. Dan kompla jsaħħaħna kemm spiritwalment kif ukoll soċjalment billi ingħaqqadna flimkien bħala membri tal-Fondazzjoni Kenosis. Irġajna lura b’qalbna mimlija ferħ fil-Mulej, hekk kif rajna l-imħabba tiegħu f’kull persuna u f’kull esperjenza, u dan fakkarna li “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7).











