Diskors għall-ftuħ uffiċjali taċ-Ċentru Santu Rokku fl-1 ta’ Novembru 1999
“I llejla ltqajna hawnhekk għal żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda hija bħala tifkira ta’ Kanonku Alfred Camilleri li sar Arċipriet f’din il-parroċċa. It-tieni raġuni hi biex uffiċjalment jitnieda u jitbierek dan iċ-ċentru li se jintuża f’din il-parroċċa għas-snin li ġejjin. Din id-dar storikament kienet parti minn waħda mill-pedamenti ta’ Sodalita Dei Preti, il-Kolleġġjata ta’ San Pawl; Naves Fondation, kif miktuba fuq l-iskrizzjoni tal-bieb. Madwar ħamsin sena ilu, din il-propjeta’ għaddiet għand il-Kavallieri ta’ San Ġwann biex jużawha bħala l-kwartieri tagħhom u anke bħala bank tad-demm. Meta l-Bank ġie trasferit band’oħra, il-Kavallieri bnew il-kwartieri tagħhom ħdejn il-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja, u ħallew dan il-bini għall-abbandun. Huwa f’dan l-istadju li l-parroċċa ta’ San Pawl iddeċidiet li tieħu dak li kien tagħha.
Bħala s-Segretarju tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, u wieħed li ta xhieda ta’ ħafna mix-xogħol li sar, nixtieq nuri l-proċess ta’ kif, fi ftit aktar minn sena, din id-dar kbira u abbandunata nbidlet fil-binja li taraw hawnhekk illum. Ta’ min isemmi li kieku ma kienx għas-sagrifiċċji li għamlu n-nies li jaħdmu, kif ukoll l-imbuttatura u l-perseveranza tal-Arċipriet biex itemm dan ix-xogħol, il-proġett ma kienx jara tmiem.
Meta l-Arċipriet sar jaf b’dan il-post, mill-ewwel beda jaħdem biex jakkwistah għall-użu tal-parroċċa għax kien ġa ra l-potenzjal fih ikun taħt il-pussess tal-parroċċa. Fl-aħħar dan il-post waqa’ f’ idejn il-knisja fil-11 ta’ Diċembru 1997. Għadni niftakar lill-Arċipriet jgħidli din l-aħbar tajba b’tant ferħ ftit mumenti wara li sirt naf. Madwar sena u nofs ilu, ġejt inżur dan il-post jien stess. Biex ngħidilkom il-verita’, kont kważi qtajt qalbi li qatt nara dan il-post jiġi rinovat minħabba l-istat mitluq tiegħu, kif ukoll minħabba r-restrizzjonijiet finanzjarji tal-parroċċa.
Waqt il-proċess ta’ rinovar ta’ dan il-bini l-Arċipriet qatt ma qata’ qalbu meta ffaċċjat bi problemi, parzjalment minħabba l-perseveranza tiegħu, iżda wkoll minħabba l-esperjenza li kien kiseb minn parroċċi preċedenti fejn kienu diġa’ saru proġetti simili. Ix-xogħol beda f’Awwissu tas-sena l-oħra. Il-pjan inizjali kien li l-ewwel jibda x-xogħol fuq it-taraġ u s-sala ta’ fuq, sabiex dawn jintużaw l-ewwel. Ġie deċiż li t-taraġ li kellu jinżebagħ, jiġi xkatlat l-ewwel. Dan kien jinvolvi attenzjoni għad-dettall u l-ħsieb minħabba l-għoli tal-ħitan. Is-sala u l-quċċata tat-taraġ kienu miżbugħin b’kuluri li jaqblu mal-bqija tal-bini. Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena sar it-tibjid tal-faċċata, kif ukoll xogħol estensiv ta’ manutenzjoni tas-saqaf, gallariji u aperturi li kienu tħallew fi stat gravi. It-toilets u l-elettriku saru mill-ġdid u fil-kmamar twaħħlu fannijiet tas-saqaf.
Fis-sajf ta’ din is-sena, il-ħitan tal-bitħa ġew xkatlati biex jitneħħa l-kisi. L-entratura prinċipali ġiet miżbugħha kif ukoll il-kmamar tal-ewwel sular biex jintużaw għal-laqgħat. Fl-aħħar saret funtana żgħira bl-istatwa tal-Madonna, irregalata mill-Arċipriet lill-parroċċa.
Biex nikkonkludu, wieħed irid jirringrazzja lil Alla għall-Providenza tiegħU, lill-benefatturi, lill-ħaddiema u lill-Arċipriet li għamluha possibbli għalina li jkollna dar għall-parroċċa li se tibqa’ tintuża fiż-żmien li ġej.”
Robert Cassar
Segretarju għall-Kunsill Pastorali Parrokkjali
San Pawl Nawfragu, Il-Belt Valletta