Alla jibni d-dar
Aġġornament tal-missjoni: Jannar - Ġunju 2023
Kemm ili involut fil-missjoni pastorali dejjem tiġini ċara f’moħħi li qisu kollox qiegħed iżomm fuq spaga. Min-naħa umana tipprova tassigura kull pass li tagħmel u kull opportunità imma tinduna li l-fraġilità u l-inċertezzi huma evidenti u parti minn dak kollu li jkun għaddej. Però, din ittini sigurtà fejn fil-fond ta’ qalbi naf li kollox huwa mmexxi “taħt il-ġudizzji providenzjali t’Alla” – kif jgħid il-qaddis Malti San Ġorġ Preca.
Fil-missjonijiet bqajna konsistenti u r-raport mal-parroċċi tal-Belt kompliet tissaħħaħ. In-numru taż-żgħażagħ li jattendu ċ-ċentru baqa’ jikber. Dan jimliena bil-kuraġġ għax jurina li l-prodott li noffru lit-tfal u l-adoloxxenti qiegħed jilħaqhom. Allura dak kollu li jsir huwa mdawwar mat-tgħalim tal-Evanġelju għandu valur indispensabbli u jintlaqa’ bil-ferħ.
L-attivitajiet jgħaddu u aħna, bħal kulħadd, jgħaddi żmienna wkoll, imma kliem is-Sinjur tagħna ma jgħaddix: “jien għandi l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” – kif naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann. Għalhekk, irridu nibqgħu integri mas-Sejħa li l-Mulej għamlilna u ma’ kull min niltaqgħu nwasslu lil Ġesù ħanin li hu kollu mħabba u li biha jfawwarna biex ifejjaq il-ġrieħi ta’ ħajjitna li nirtu min-nuqqas ta’ mħabba. Filwaqt li nkomplu l-ħidma fl-għalqa tal-Mulej niftakru li kollox minnu, kollox b’ħiltu u kollox għalih, għax kif hemm miktub f’Salm 127 “jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, għalxejn jishar l-għassies.”
“Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, għalxejn jishar l-għassies.”