Il-Ċentru Santu Rokku, fil-Belt Valletta, jiftaħar b’sinifikat storiku kbir u joffri spazju sigur importanti ghal soċjalizzjoni għaż-żgħażagħ tal-belt. L-Awtorita’ ta’l-Ippjanar iffinanzjat il-proġett bis-sħiħ permezz tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp tagħha.
Ċentru Santu Rokku huwa propjeta’ tal-Knisja (Parroċċa Kolleġġjata San Pawl Nawfragu) li tinsab fl-196, Triq Sant’ Ursula, il-Belt Valletta. Minbarra li sservi bħala post ta’ laqgħa soċjali u b’hekk ikollha valur soċjali importanti, il-proprjeta’ għandha wkoll valur storiku kbir. Fis-seklu 18, kienet tas-’Soladita Dei Preti’,’Naves’.
Fis-snin ħamsin il-propjeta’ għaddiet għand l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, biex joperaw bħala bank tad-demm filwaqt li jservu wkoll bħala l-kwartieri ġenerali tagħhom. Ladarba l-bank tad-demm ġie mċaqlaq f’post ieħor, l-Ordni ttrasferiet ukoll il-kwartieri tagħhom f’post ġdid fil-viċinanza tal-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja. Fis-snin disgħin il-parroċċa bdiet il-ħidma pastorali tagħha minn dan il-post biex taqdi lill-komunita’ ta’ l-inħawi u l-madwar.
Il-propjeta’ li għall-bidu kienet ta’ familja Sinjura, inbniet skond l-istil tradizzjonali ta’ dak iż-żmien b’bitħa kbira miftuħa. Taraġ proporzjonat b’mod ġeneruż fil-bitħa jwassal għal-livelli ta’ fuq, inkluż is-Sala Nobile, filwaqt li taraġ spirali tal-ġebel jgħaqqad il-kmamar ta’ wara fis-sulari kollha u x’aktarx kien maħsub għall-qaddejja tad-dar. Fiha diversi alterazzjonijiet li saru fi żminijiet aktar riċenti, fosthom it-tqassim tal-proprjeta’ f’numru ta’ fondi u l-bdil ta’ gallarija tal-ħadid maħdum ma’ waħda tal-injam. Il-faċċata żżomm ċerti elementi arkitettoniċi sempliċi iżda speċjali, jiġifieri l-forom madwar il-bibien u t-twieqi, ir-railing tal-ħadid tal-gallarija miftuħa u l-corbels tal-gallarija.
Wieħed isib ukoll bust u arma armati fuq l-entratura prinċipali. Il-ktieb u x-xabla mpinġija fuq l-arma huma l-attributi komuni ta’ San Pawl. Skrizzjoni bil-kliem taħt il-bust tgħid “FUNDATIO NIS. NAVES. 1749.
Il-proġett tar-Restawr
Minħabba l-kundizzjoni ħażina ħafna tal-faċċata, il-propjeta’ kienet teħtieġ xogħol intensiv ta’ restawr fl-aperturi tal-injam b’mod partikolari, kif ukoll fil-bitħa, taraġ tal-ġebel, kantina, Sala Nobile, tindif ta’ ħitan interni u saqaf.
L-Awtorita’ tal-Ippjanar iffinanzjat sa €450,000 f’dan il-proġett permezz tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp. L-iskop tal-fond huwa li jwessa ’l-iskop tiegħu u allura jipprovdi flessibilita’ akbar għal proġetti li jikkwalifikaw għalih. Dan il-fond jgħin lill-kunsilli lokali, lill-NGOs, lill-aġenziji tal-gvern u lil kull parti interessata biex joħolqu proġetti żgħar u kbar ġewwa lokalita` li jkunu jistgħu jtejbu l-kwalita` tal-ħajja ġewwa l-ibliet u l-irħula tagħna.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp Vincent Cassar spjega li: “Dan il-proġett huwa wieħed mill-aħjar eżempji ta’ kif nixtiequ li l-Fond jintuża għalih. Permezz ta’ dan il-proġett, rajna kif dan il-fond jista’ jservi biex itejjeb il-ħajja soċjali u komunitarja fi ħdan il-lokalita’. Nafu li l-isfidi li għandhom iż-żgħażagħ illum huma kbar u għalhekk il-proġett ta’ restawr żgur li se joħloq spazju soċjali sigur għal dawn iż-żgħażagħ.”
Bħalissa l-propjeta’ tospita numru ta’ kura u formazzjoni pastorali komunitarja, jiġifieri: Faith Formation għat-tfal u l-adolexxenti; formazzjoni spiritwali għan-nisa; u ċentru taż-żgħażagħ ‘Teen Klabb’. Il-proġett ta’ restawr tejjeb il-kwalita’ tal-kura pastorali komunitarja tagħna, u dan ma kienx ikun possibbli mingħajr il-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp. Il-grazzi mill-qalb tagħna tmur għan-nies kollha involuti peress li kienu ta’ għajnuna kbira biex jiggwidawna niksbu l-finanzjament.