Skip to main content

L-Ispirtu Missjunarju

Kull esperjenza għandha diversi interpretazzjonijiet u kif ngħidu, mitt bniedem mitt fehma. Għal min jafni, јaf sew li dawn l-aħħar għaxar snin ħajti qattajtha naħdem fuq il-proġett pastorali fil-Belt Valletta, kif jidher sew fuq din il-‘website’. Għal xi żmien kont naħseb li l-esperjenzi li kelli fil-missjoni fl-Etjopja bejn l-2001 u l-2007, imbghad bejn l-2017 u l-2018, kienu bi preparament biex nagħraf il-vokazzjoni tiegħi hi dik li nkun fil-qalba tax-xogħol pastorali u l-evanġelizzazzjoni maż-żgħażagħ u t-tfal fil-Belt. Però, mill-bidu ta’ din is-sena reġa’ beda jitqanqal fija l-ispirtu missjunarju u f’kemm ili ngħidlek nibdet viżјoni ta’ kif nistgħu nwessgħu s-servizz pastorali tagħna fil-pajjiżi tal-Afrika tal-Lvant.

Kollox beda f’April li għadda...

Il-grupp li јagħmel parti mill-Fondazzjoni Kenosis morna flimkien Għawdex għal weekend ta’ mistrieħ. Kumbinazzjoni, jew aħjar il-Providenza ta’ Alla, laqqatna ma’ soru Karmelitana tal-Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù fejn il-Kappella ta’ Savina r-Rabat Għawdex. Aħna konna ħerġin mill-Quddiesa ta’ filgħodu, u hi kienet ħierġa minn ħin ta’ talb fil-kappella. Qaltilna li hi mit-Tanzanija u li kienet intbagħtet fil-kunvent f’Għawdex tliet xhur qabel. Din is-Soru, Sr Janet, laqqatna ġewwa l-kunvent biex naqsmu flimkien l-ideat, ix-xewqat u l-possibiltajiet ta’ kollaborazzjoni. Fi ftit kliem, urejna x-xewqa li bħala fondazzjoni qed tinbet fina x-xewqa li nwessgħu l-missjoni. Mill-ewwel għamlitilna kuntatt ma’ Sr Flora f’Dar es Salaam ġewwa t-Tanzanija. Minn hemm ’il quddiem, komplejna nimirħu u nevalwaw modijiet ta’ kif nistgħu naħmdu fl-għalqa tal-Mulej ġewwa t-Tanzanija.

Biex inkomplu nagħmlu din il-ħolma aktar reali, bejn Lulju u Awwissu ta’ din is-sena mort inżur dan il-post fit-Tanzanija. Fiż-żmien li qattajt mas-sorijiet Karmelitani Missjunarji kellna diversi diskussjonijiet dwar proġett li jinbena ċentru ta’ formazzjoni fejn il-kunvent tagħhom ġewwa Boko Dar es Salaam. Ltqajt ma’ diversi bżonnijiet materjali li l-Knisja qegħda kontinwament tikkumbatti, kif ukoll ħafna spejjeż relatati ma’ l-attivitajiet kollha li jkunu għaddeјјin. Mingħajr m’għalaqt bibien, smajt u ħadt interess ma’ kull min fetaħ qalbu miegħi fuq il-bżonnijiet partikolari li għandhom fil-missjoni

Il-Missjoni

Għalina huwa ta’ ferħ kbir u barka bla qies li l-Mulej fetħilna dan il-bieb u qed jafdana b’din il-ħidma. Bħala membri tal-Fondazzjoni Kenosis għandna rabta speċјali mal-Madonna u dan ikompli јissaħħaħ permezz ta’ dan il-kuntatt mas-sorijiet li huma Karmelitani ddedikati lill-patruna tal-missjoni Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.

Meta tkun fil-missjoni l-Etjopja ma tistax ma tiltaqax ma’ xi proġett li kien involut fih il-mibki Dun Ġorġ Grima t’Għawdex, fundatur ta’ Ġesù fil-proxxmu. Dan meta kien imur il-missjoni kien jiltaqa’ mal-isqof u s-superjuri u jduru u jaraw x’inhu l-bżonn u jikkommetti ruħu għal diversi proġetti. Dan l-aħħar, kien hawn f’pajjizna qassis Etjopjan, Fr Petros, u fil-jumejn li kont qiegħed indur miegħu tlajna Għawdex u morna fuq il-qabar ta’ Dun Ġorġ Grima fejn tlabna r-rużarјu u rringrazzjana ’l Alla ta’ kemm għamel ġid materjali u spiritwali ma’ dawk fil-bżonn fl-Etjopja permezz ta’ Dun Ġorġ Grima. Fis-skiet it-talba tiegħi kienet bħal ta’ Eliżew:

Elija qal lil Eliżew: “Itlobni x’għandi nagħmillek qabel ma nittieħed minn ħdejk.” U Eliżew wieġbu: “Ħa jkun hemm fija żewġ ishma mill-ispirtu tiegħek!” 2 Slaten:2:9

Hekk tlabtu ‘l-Mulej, li kif uża u bierek lil Dun Ġorġ Grima fil-missjoni, juża lili biex isir il-ġid għall-akbar glorja ta’ Alla.

Ma nistax ma nkunx realistiku. Meta bdejt nara il-ħafna bżonnijiet u kemm nixtieq inkun ta’ spalla bdejt inħossni ftit dgħajjef quddiem id-domanda. Donnok tħossok se tibda taqta’ qalbek, imma dan il-vers malajr reġa mlieni bit-tama:

“għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.” Filippin 4:13